
Il-Festa tipika Maltija
Il-Festa Maltija hija waħda mill-aktar tradizzjonijiet popolari mal-Maltin kif ukoll mal-barranin. Nistgħu ngħidu li l-festa tipika Maltija tikkonsisti minn funzjonijiet tal-knisja, l-armar, il-baned kif ukoll in-nar tal-art u tal-ajru.
Il-festi fl-ibliet u l-irħula Maltin ilhom isiru minn ħafna żmien ilu pero ma hawn l-ebda informazzjoni jew ħjiel eżatt ta' meta saret l-ewwel festa f’Malta. Insibu li meta ġew il-Kavalieri kienu diġà jsiru dawn il-festi. Iżda jidher illi l-kavallieri kkontribwew ħafna għall-festa Maltija kif nafuha illum, kemm bħala tiżjin, kif ukoll biex daħlu diversi modi kif jiġu ċċelebrati l-festi.
Nistgħu ngħidu ukoll li meta nsemmu l-kelma FESTA, jiġi f’moħħna kliem bħal: ferħ, ċelebrazzjoni, gost u pjaċir. Wieħed irid jgħid ukoll li l-Maltin iħobbu jiċċelebraw kull ħin u kull mument ta’ ħajjithom, mhux biss fil-festi. Il-poplu Malti, bħal popli oħra Meditteranji iħobb jiddeverti.
Imma l-festi fil-passat kienu ferm differenti minn dawk tal-lum. La kien hemm baned, la kien hemm logħob tan-nar u lanqas kien hemm tiżjin bħal ma nafuħ illum.