top of page

Il-Programm fuq il-Planċier

Barra l-marċ brijjuż ta’ filgħodu, l-baned jorganizzaw serata aktar formali fuq il-planċier fil-pjazza ewleni tar-raħal. Din is-serata, il-bandisti jsibuha bħala l-“Programm” sabiex jifirduha mill-attività l-oħra tal-“Marċ” fejn il-banda ddoqq waqt li timxi mat-toroq tar-raħal. Il-Programm hu ħaġa formali. Il-Programm ġeneralment isir xi ġurnata jew tnejn qabel jum il-festa u jinkludi fih siltiet għall-banda aktar impennjattivi minn marċi brijjużi.

 

Ħafna baned għandhom il-planċier tagħhom li fih innifsu ħafna drabi jkun ukoll opra tal-artiġġant Malti li titgħaxxqek tħares lejha. Uħud minn dawn imorru lura għal bidu tas-seklu għoxrin u qabel. Il-planċier huwa dak il-palk temporanju li jintrama’ fil-pjazza biex il-banda tkun tista’ ddoqq fuqu. Barra l-post għall-banda il-planċier ikollu wkoll post fejn joqgħod il-kor u leġijju ddekorat u mdawwal għas-Surmast. Ħafna planċieri jkollhom skultura elaborata ta’ njam fin kif ukoll disinji tal-ferrobattuto biex iżejnuhom u biex iservu ta’ lqugħ għall-badndisti iżda mingħajr ma dawn jitgħattew mill-pubbliku. Ma jonqsux ukoll il-postijiet biex jitpoġġew l-istandardi tal-banda kif ukoll l-arma tagħha li bi prominenza u kburija turi l-identità tal-każin. Il-planċier ġeneralment ikun imdawwar bi globi tad-dawl sabiex il-bandisti jkunu jistgħu jaraw il-mużika.  Ġieli wkoll jiżżejjen b’xi pavaljuni żgħar jew bil-liedna bil-kulur tal-banda.

Magħmula bi ❤️ minn Festi Maltin - Maltese Feasts

  • Facebook
  • Instagram
  • Threads
  • Pinterest
  • Youtube
  • Spotify
bottom of page