
Il-Mużika fil-Passat
Qabel ma bdew il-baned f’Malta fil-festi tagħna, kienu jeżistu grupp żgħir ta’ daqqaqa, li kienu joħorġu jdoqqu fil-festi jew f’xi okkażjonijiet oħra ta’ ferħ, b’mużika ferrieħa.
Dawn ġeneralment kienu jkunu fi gruppi ta’ erba’ jew ħames persuni. L-istrumenti li kienu jużaw dawn id-daqqaqa kienu jkunu aktar sempliċi minn dawk tal-llum, u ġeneralment kienu jkunu magħmulin minn min kien idoqqhom stess. Mhux biss, imma dawn l-istrumenti kienu jsiru minn materjal li kienu jsibu madwarhom. Għalhekk iż-żaqq u t-tanbur kienu jsiru mill-ġilda tal-annimali, qasab u spag, u diversi strumenti oħra, fosthom il-fifra jew il-flawt li kienu jsiru mill-qasab. Iż-żafżafa jew rabbaba kienet tkun għamla ta’ qasrija li wkoll kienet issir bil-ġilda u il-qasab.
Dawn id-daqqaqa kienu joqgħodu jduru mat-toroq prinċipali tar-raħal, idoqqu u jferrħu lin-nies bil-mużika ferriħija tagħhom. Wieħed mid-daqqaqa kien joqgħod jiġbor xi ħaġa tal-flus ukoll. Għalkemm id-daqqaqa ma kienux jiffurmaw baned kif nafuhom illum, in-nies ta’ dak iż-żmien xorta kienu jirreferu għalihom bħala “banda”, għax din il-kelma, imnissla mit-Taljan, kienet sempliċiment tfisser biss “grupp”.
Sal-1777, il-purċissjoni kienet tkun akkumpanjata bi vjolin ċell u xi vjolini li kienu jiġu mikrija għal-okkazjoni. Imma mhux dejjem kien ikun il-każ għax per eżempju insibu li f’Birkirkara fil-festa ta’ Sant’ Elena tal-1738 filgħodu kien hemm żewġ tamburlini u żumarra li qagħdu jdoqqu quddiem il-knisja.
Imma fis-seklu dsatax, il-Maltin assoċjati mas-Servizzi bdew jitgħallmu jdoqqu l-istrumenti tal-baned militari. Fl-istess żmien bdew jiftħu każini soċjali, fejn kienu jiltaqgħu l-irġiel tal-ibliet u rħula, iżda dawn ma kienux każini tal-baned. Iżda uħud minn dawn l-każini soċjali, inbidlu f’ każini tal-banda li bdew jipparteċipaw u jagħtu iktar ħajja lil festi esterni.
L-ewwel baned bdew jitwaqqfu fit-tieni nofs tas-seklu dsatax, bil-Banda San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, li twaqqfet fl-1851, tkun meqjusa li hi l-aktar waħda antika fil-gżejjer tagħna. Fis-seklu għoxrin l-baned ma marrux lura, anzi, tista tgħid li kollha żdiedu u kibru. Xi każini daħlu f’piki u tilwim interni li qasmuhom f’iktar minn banda waħda f’ xi bliet u rħula, bħalma ġara bil-festi sekondarji. Għalhekk dawn, b’mod naturali u loġiku, bdew jappoġġjaw festi sekondarji, li xi wħud minnhom saru jiġu ċċelebrati daqs dawk titulari. Sfortunatament fejn hemm iktar minn każin tal-banda wieħed, hemm tendenza li jista’ jinqala xi diżgwid bejniethom.
Fil-każini ssib mekka ta’ kultura fejn bosta partitarji akkaniti iżejnu dawn l-każin b’għamara antika rikka, arkivji mużikali mill-isbaħ flimkien ma’ rħamijiet u statwi imprezzabbli. L-għan ewlieni ta’ dawn l-każini tal-baned hu li tinżera kultura mużikali fit-tfal biex dawn jitgħallmu l-istrumenti mużikali.