top of page

Tiżjin tal-Knisja

Il-festa hija primarjament ċelebrazzjoni reliġjuża u liturġika. Għalhekk il-knisja nnifisha tkun armata biex tintwera fl-aqwa tagħha. Anke ċ-ċelebrazzjonijiet isiru aktar b’pompa u sollennità.

 

Il-knisja tkun imżejna bid-damask, fidded u dehbijiet li jkollha. Jintuża damask fin, ġeneralment ta’ lewn aħmar, għall-okkażjoni. Jinħarġu l-aqwa għodda taċ-ċerimonja bħalma huma kalċijiet, ostensorji, pissidi, gandlieri, lampieri, ċensier, karti tal-glorja, impulluzzi, il-qanpiena u dak kollu li ġeneralment ikunu jew tad-deheb jew tal-fidda. Xi parroċċi fejn għandhom tusell fuq l-altar maġġur ġieli jibdluh b’ieħor aktar elaborat u sabiħ apposta għal festa.

 

F’xi knejjes jinbidel ukoll il-ventartal li jintuża kuljum u jitpoġġa ieħor floku li jkun tal-fidda jew indurat bid-deheb. Kultant jinħarġu wkoll xi sett vari żgħar tal-Appostli li jkunu wkoll tal-fidda jew indurati bil-fidda jew deheb sabiex jitqiegħdu fuq l-altar maġġur . Isir ukoll tiżjin tal-altari b’bukketti tal-ganutell. Naturalment ma jonqsux il-fjuri friski fuq l-altar maġġur kif ukoll madwar il-vara titulari.

 

Il-paramenti sagri li jintużaw fil-festa wkoll jinħarġu għall-okkażjoni u ġeneralment ikunu magħmulin minn damask fin irrakmat b’ħajt tad-deheb. Ħafna drabi l-parroċċa jkollha sett ta’ aramenti sagri ppareġjati sabiex il-konċelebranti jkunu mlibbsin l-istess għajr il-primċelebrant li jkun imlibbes fuq l-istess skala iżda b’ilbies ftit aktar elaborat u rikk biex jiddistingwieħ mill-oħrajn.

 

Il-vara titulari wkoll tkun imżejna bid-dehebijiet li jkunu tawha matul is-snin il-fidili. Dawn jistgħu jinkludu ċrieket, kuruni, kurini tar-Rużarju, xi ċintorin, xi qorq jew ħwejjeġ oħra.

tużell-miklem.jpg
armar1.png
tribuna.jpg
damask-1-miklem.jpg
armar2.png
armar2.2.png

Magħmula bi ❤️ minn Festi Maltin - Maltese Feasts

  • Facebook
  • Instagram
  • Threads
  • Pinterest
  • Youtube
  • Spotify
bottom of page