
Il-Logħob tan-Nar
Illum kważi kull festa, għandhom xi ftit jew wisq il-logħob tan-nar . Iżda fil-bidu ta’ dawn il-festi, ma kienx jeżisti logħob tan-nar.
Ħafna jaħsbu li din id-drawwa oriġinat minn żmien il-Kavallieri, peress li meta kien jiġi xi ħadd importanti f’dak iż-żmien, kienu jatuħ is-salut billi jisparaw balal bil-kanuni biex iselmulu. Minbarra l-kanuni, f’xi okkażjonijiet kienu jisparaw il- musketterija magħmula mit-tiri tal-ixkubetti li kompla u baqa’ jsir sal-llum il-ġurnata mill-armata.
Imma l-Maltin kienu bdew sistema oħra ta’ musketterija, u din kienet bl-użu tal-maskli. Dawn il-maskli kienu blokki tawwalin tal-ħadid b’toqba fin-nofs għall-porvli, u oħra rqiqa tinfed mill-ġenb għall-miċċa. Fil-festi kienu jqabbdu kuntrattur jipprovdilhom u jarmalhom fl-art qrib il-knisja jew xi post ieħor minn fejn tgħaddi l-vara. Dan kien jibgħat raġel filgħodu kmieni, jimlihom, iqegħedhom ħdejn xulxin, jgħaddi serbut trab tal-porvli minn magħhom biex meta jqabbadhom jisparaw wieħed wieħed qishom musketterija. B'hekk dan kien l-ewwel tip ta’ logħob tan-nar fil-festi.


Imma fi żmien l-Ordni ġa kien ikun hemm logħob tan-nar tal-ajru. Kien jintuża f’ċelebrazzjonijiet meta jitwieled xi ħadd fil-familji rjali ħbieb tal-Ordni u f’okkażjonijiet lokali, imma l-poplu ġenerali ma kellux x’jaqsam, ħlief li jara dak li jsir madwaru.
L-ewwel kitba dokumentata li nsibu fuq ħruq ta’ logħob tan-nar fil-festi hi dik miktuba fuq il-festa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara tal-1728, fejn fir-rendikont finanzjarju jissemmew l-ispejjeż għall-porvli biex isiru l-isparaturi. Ħdejn in-nar li jsir illum, dan kien xi ħaġa żgħira, għax kienu jixtru bejn erba’ u sebat irtal. Kienu msemmija wkoll l-ispejjeż għall-ispag u għall-karta, li dak iż-żmien ma kinitx xi materjal komuni bħalma hi llum il-ġurnata.

