top of page

Il-Purċissjoni

Il-purċisjoni hija meqjusa bħala l-aktar ħaġa mportanti mill-attivitajiet ta’ barra għax wara kollox, il-festi ma jiġux primarjament għall-baned, logħob tan-nar u armar imma biex ifakkruna x'għamel il-qaddis jew il-patrun tar-raħal. Il-purċissjoni kif nafuha illum kienet parti mill-quddiesa fil-passat. L-attivitajiet l-oħrajn kollha ġew wara, ftit ftit, imma komplimentari għall-purċisjoni u l-quddiesa.
 
Fl-ewwel żminijiet li bdew isiru quddisiet u ċerimonji fil-festi f’Malta ma kien hawn xejn ħlief il-funzjonijiet liturġiċi, bil-quddies, tqarbin u l-priedka. Imma l-introjtu tal-quddies kien isir għamla ta’ purċissjoni interna fil-knisja stess mill-kongregazzjoni preżenti. Ta’ min ifakkar li l-knejjes tal-antik kienu aktar kappelli li naraw fil-kampanja. Il-knejjes kbar kollha ġew wara u ħadu post oħrajn. Il-kongregazzjoni kienet ċkejkna għax l-ibliet u rħula Maltin kollha kellhom popolazzjoni żgħira.

purcissjoni3.png

Meta l-popolazzjoni bdiet tikber dawn il-knejjes bdew isiru żgħar . Il-purċissjonijiet bdew joħorġu barra fuq iz-zuntier u jerġgħu jidħlu ġewwa fil-knisja, għax ma kienx ikun hemm aktar sapazju biżżejjed biex tgħaddi l-purċissjoni fil-knisja. Aktar tard meta l-popolazzjoni bdiet aktar tikber il-purċissjonijiet bdew jgħaddu minn xi toroq. Minħabba li l-purċissjoni bdiet tgħaddi mit-toroq qalb id-djar , bdew jinxtegħlu msiebaħ jew fjakkli fit-twieqi u fuq il-bjut tal-knisja u d-djar u b’hekk beda jipparteċipa anki il-poplu ġenerali li kien joqgħod viċin il-knisja parrokjali.

 

Meta bdew jiżdiedu l-attivitajiet fuq barra, il-purċissjonijiet baqaw il-qofol tal-festi kollha u kienu jsiru kollha filgħodu. Għall-ewwel il-purċissjonijiet kienu joħroġu mill-knisja f’xi l-għaxra ta’ filgħodu wara l-quddiesa, u jidħlu f’xi l-ħdax. Iżda meta l-purċissjoni nqatet kompletament mill-funzjoni tal-quddiesa u saret funzjoni oħra għaliha, il-purċissjonijiet bdew joħorġu f’xi t-tmienja ta’ filgħodu, u wara li jduru mat-toroq prinċipali tal-belt jew raħal, f’xi l-għaxra kienu jidħlu lura fil-knisja biex wara, f’xi l-għaxra u nofs, issir il-quddiesa kantata, bħal ma għadu jsir f’Birkirkara.

purcissjoni1.png

Maż-żmien dan inbidel peress li beda jinħass vojt kbir fil-ġurnata tal-festa filgħaxija. Kienet biss il-purċissjoni tal-festa ta’ Birkirkara li baqgħet issir filgħodu. Din il-festa baqgħet iżżomm it-tradizzjonijiet antiki.

Wieħed irid jgħid ukoll li l-festi qabel kienu jsiru fil-ġurnata liturġika tal-qaddis jew qaddisa, u mhux kif isir llum li ħafna mill festi jsiru l- Ħadd ta’ wara. Iżda hemm xi festi li għadhom jiġu ċċelebrati fil-ġurnata tagħhom, anki meta din taħbat fost l-ġimgħa. Fost dawn insibu il-festa ta’ San Lawrenz tal-Birgu, tas-Salvatur f’Ħal-Lija, tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla, il-Bambina fl-Isla, n-Naxxar , l-Mellieħa u x-Xagħra Għawdex, u dik ta’ San Pawl Appostlu, fl-10 ta’ Frar.

 

Hemm festi illi l- ġurnata liturġika tal-qaddis taħbat fix-xhur tax-xitwa, u għalhekk dawn ġew trasferiti għal istaġun tas-sajf. Fosthom hemm Ħal Qormi fejn il-ġurnata liturġika ta’ San Ġorġ Martri hi 23 t’April iżda l-festa ġiet trasferita għall-aħħar Ħadd ta’ Ġunju. Hemm ukoll dik ta’ San Filep f’ Ħaż-Żebbuġ, fejn l-festa ssir fit-tielet Ħadd ta’ Ġunju minflok fit-12 ta’ Mejju, il-ġurnata liturġika tiegħu.

purcissjoni2.png

Magħmula bi ❤️ minn Festi Maltin - Maltese Feasts

  • Facebook
  • Instagram
  • Threads
  • Pinterest
  • Youtube
  • Spotify
bottom of page