
Il-Quddiesa Solenni
Il-Quddiesa Solenni ġeneralment titqaddes konċelebrata mill-Kappillan jew Arċipriet imdawwar bil-kleru tal-parroċċa sakemm ma jkunx mistieden xi persuna ogħla li jmexxi ċ-ċelebrazzjoni hu.
Il-quddiesa tkun waħda kantata b’mużika miktuba apposta għall-ġurnata tal-festa. Fost il-mużika jitkantaw ukoll il-Kyrie, il-Gloria, il-Credo, is-Sanctus u l-Agnus Dei. Ma dawn kienu jiżdiedu l-Introjtu u l-Offertorju kif ukoll xi innu għal waqt it-Tqarbin. Illum, minn ħabba esiġenzi liturġiċi, il-Credo mhux dejjem għadu jitkanta u ħafna drabi jingħad mal-kongregazzjoni. L-antifona tal-qaddis jew il-patrun ħafna drabi titkanta wkoll, jew bħala responsorju għall-versett ta’ qabel l-Evanġelu jew fl-aħħar tal-quddiesa.
Il-Quddiesa Solenni hija wkoll karatterizzata bil-Paniġierku, li hija priedka kemxejn twila li teżalta l-valuri Nsara tal-Qaddis jew Qaddisa sabiex jitpoġġew bħala mudell għall-fidili tar-raħal. Il-paniġierku ġeneralment issir minn predikatur ta’ esperjenza, imqabbad apposta u li jkun magħruf għar-retorika u għad-don tal-kelma tiegħu. Jitqies predikatur tajjeb aktar kemm ikun jaf id-dettalji tal-ħajja tal-qaddis u jkun jaf jużhom bħala eżempji biex jillustra l-priedka tiegħu. Naturalment, aktar ma jkun kapaċi jentużjażma l-kongregazzjoni bit-tonalità u l-eżempji li jġib, aktar aħjar.
